Mara pożittiva għall-coronavirus fid-Dar tal-Anzjani f’Bormla

Anzjana ta’ 98 sena ħarġet pożittiva għall-coronavirus waqt li kienet fid-Dar tal-Anzjani f’Bormla. Anzjana li kienet fl-istess kamra qed tinżamm fi kwarantina.

Il-Gvern fi stqarrija qal li hija ħarġet pożittiva waqt ir-rutina normali ta’ swabs li qed isiru bħala prekawzjoni fid-djar tal-anzjani.

L-anzjana hija waħda mill-ħames każijiet li nstabu llum.
5 każi ġodda ta’ coronavirus

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Gvern qal ukoll li l-anzjana ġiet trasferita għall-Isptar St Thomas.

Intqal li bħala prekawzjoni, ir-residenti u l-istaff ta’ din id-dar ġew ittestjati u qed jistennew ir-riżultat. Sakemm ikunu magħrufa r-riżultati llum, twaqqfu ż-żjarat minn barra bħala prekawzjoni.