“Bżonn aċċess għall-protezzjoni eħfef għall-vittmi ta’ vjolenza” – Fondazzjoni Sebħ

Read in English.

Kienu bosta l-persuni u l-entitajiet li semmgħu leħinhom dwar l-aħħar każ ta’ qtil ta’ mara kawża ta’ vjolenza domestika f’Malta. Dan hekk kif ilbieraħ, Chantelle Chetcuti mietet wara 24 siegħa tissielet għal ħajjitha kawża ta’ ħames daqqiet ta’ sikkina li qalgħet f’rasha. Hi ġiet aggredita wara argument f’Ħaż-Żabbar.

Fondazzjoni Sebħ sostniet li hemm bżonn ta’ aċċess eħfef għall-protezzjoni mill-vittmi ta’ vjonlenza domestika. Il-Fondazzjoni talbet ukoll għal prosekuzzjoni aktar b’saħħitha fejn jidħlu l-persuni li wettqu l-abbuż u dawk li jwettqu vjolenzi abbażi tal-ġeneru.

Il-Fondazzjoni rrimarkat li l-qtil ta’ mara sempliċiment għax hi mara mhux aċċettabbli u hemm bżonn tittieħed azzjoni immedjata.

“Mara oħra maqtula minn idejn raġel li ħares lejha bħala propjetà”

Il-Women’s Rights Foundation qalet li sfortunatament reġa’ kien hawn każ ieħor ta’ mara li nqatlet minn idejn raġel li ħares lejha bħala propjetà li seta’ jeħles minnha meta u kif ried. Insistiet li Chetcuti kienet vittma oħra ta’ soċjetà misoġinista u patrijarkali.

Another woman died at the hands of a man who could only see her as his property to dispose of at will. Rest in peace…

Posted by Women's Rights Foundation on Monday, February 3, 2020

“Storja li tnebbaħna b’realtajiet li qed nitfgħu taħt it-tapit” – Quinton Scerri

Intant, Quinton Scerri qal fuq Facebook li l-istorja ta’ Chetcuti għandha tnebbaħ lill-pubbliku b’ċertu realtajiet li “b’mod konvenjenti” qed jintefgħu taħt it-tapit. Hu semma fost l-oħrajn kif hawn diversi bars li qed iservu bħala kalamita għal nies bi problem severi, inkluż droga. Qal li l-Pulizija huma mgħarrfa bil-postijiet problematiċi imma bla riżorsi biex jaġixxu. Insista li hemm bżonn tisħiħ komunitarju biex nies li għaddejjin minn diffikultajiet jirċievu l-għajnuna li għandhom bżonn.

“Mijiet ta’ nisa jsofru fis-silenzju” – Roberta Metsola

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qalet fuq Facebook li mijiet ta’ nisa jsofru fis-silenzju. Irrimarkat li mhux biżżejjed li wieħed ikun b’qalbu maqsuma u rrabjat meta jisma’ dawn l-affarijiet.  Insistiet li hemm bżonn liġijiet li jiġu infurzati għall-protezzjoni tal-mara. Insistiet li hemm bżonn mekkaniżmi li jaħdmu b’mod aktar rapidu u li dan is-suġġett jiġi trattat b’mod aktar serju.

Christine Sammut, Irena Abadzhiev, Karen Cheatle, Yvette Gajda, Margaret Mifsud, Meryem Bugeja, Silvana Muscat, Caroline…

Posted by Roberta Metsola on Monday, February 3, 2020

“F’Malta m’hemmx lok għall-vjolenza domestika” – Miriam Dalli

Intant, l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli sostniet li f’Malta m’hemmx post għall-vjolenza domestika. Qalet li hemm bżonn li kulħadd iqum kontra l-vjolenza u ssir il-pressjoni neċessarja biex il-liġijiet jissaħħu u l-awtoritajiet jirrealizzaw li hemm bżonn aktar infurzar. “Il-qtil ta’ mara, ta’ omm mhux aċċettabbli,” qalet Dalli. Irrimarkat li hi se tagħmel minn kollox biex leħen il-mara jingħata widen.

 “Jeħtieġ li kull mara li tesperjenza vjolenza tkun imħeġġa tirrapporta” – Coleiro Preca

Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca qalet li hemm bżonn li jiġi assigurat li kull mara li tkun qed tesperjenza vjolenza u abbuż, tkun kunfidenti biżżejjed biex tirraporta u tfittex l-għajnuna. Qalet li hemm bżonn li jkun assigurat ukoll li meta mara tagħmel dan, tingħata l-għajnuna, is-sapport, u l-protezzjoni adegwata u b’mod immedjat. Insistiet li sakemm isir dan, se jibqa’ jkun hawn każi ta’ femiċidju.

“Il-vjolenza domestika hija pjaga fis-soċjetà” – LEAD

Il-fergħa tan-nisa tal-Partit Laburista qalet li l-vjolenza domestika hija pjaga fis-soċjetà u n-nuqqas ta’ azzjoni qed jirriżulta biss f’aktar ħajjiet mitlufa. Bħala nisa, huma qalu li jaspiraw li jagħmlu l-ġid fil-komunitajiet tagħna, juru l-appoġġ lill-familja ta’ Charlene Chetcuti u l-familji ta’ madwar 37 mara li mietu f’idejn ir-raġel, is-sieħeb, binhom jew qraba tagħhom fl-aħħar 40 sena.

Spjegaw li figuri riċenti juru li ġew saru aktar minn 1,000 rapport ta’ vjolenza domestika mal-pulizija matul l-ewwel disa’ xhur tal-2019. Meta mqabbel matul l-istess perjodu, ħames individwi ngħataw sentenzi ta’ ħabs fuq każijiet ta’ vjolenza domestika. LEAD appellaw għal-liġijiet aktar b’saħħithom, u ħeġġew aktar sforzi edukattivi li juru li l-vjolenza qatt ma hi ġustifikabbli.

“Jekk in-nisa mhux kunfidenti li se jsibu l-għajnuna mhux se jitkellmu” – għaqda

Iċ-Chairperson tal-Malta Confederation of Women’s Organisations, Dr Marie Therese Cuschieri qalet li jekk in-nisa ma jkunux kunfidenti li meta se jitolbu l-għajnuna se tingħatalhom, mela mhux se jagħmlu l-pass li jitkellmu.

Cuschieri sostniet li hemm bżonn li jiġi assigurat li nisa li qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet tat-tip jirrealizzaw li ma jistħoqqilhomx jiġu trattati b’dan il-mod, u li jistħoqqilhom aħjar. Qalet li hemm bżonn jiġi assigurat li nisa li qed jgħixu f’sitwazzjonijiet abbużivi jħossuhom inkoraġġuti biex ifittxu l-għajnuna. Qalet li rridu nassiguraw li l-ebda mara ma tħossha kkritikata għax titlob l-għajnuna.

“Il-Gvern għandu jagħti widen lill-esperti fuq il-vjolenza domestika” – PN

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna dan l-att kriminali u wera tħassib li l-vjolenza fuq in-nisa qiegħda tiżdied. Fi stqarrija, il-PN qal li l-Gvern għandu jagħti widen lill-esperti u lill-membri tas-soċjetà ċivili meta jgħaddi liġijiet fuq dan is-settur.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kommess li jkompli jkun il-vuċi tal-vittmi u tal-familji tagħhom f’din il-ġlieda bl-għan aħħari li jara verament bidla għall-aħjar fis-soċjetà Maltija.