Mara nisranija fit-Tmexxija Transitorja tas-Sudan

In-nisa fis-Sudan kellhom sehem importanti fit-tranżizzjoni fis-Sudan

Is-Sudan ħabbar li Aisha Musa Saeed nħatret membru tal-Kunsill Sovran tal-pajjiż. Il-ġenerali tal-Armata u l-mexxejja tal-oppożizzjoni qablu li din il-mara, li hi nisranija Kopta tkun parti mill-Kunsill tat-tmexxija tal-pajjiż li hu magħmul minn sitt persuni ċivili u ħames militari.

Dan il-Kunsill ħa l-ġurament tal-ħatra nhar l-Erbgħa li għadda u se jmexxi s-Sudan għat-tliet snin li ġejjin sakemm issir elezzjoni ġenerali.

Ms Musa hi mħallef u studjat fl-Università ta’ Leeds fl-Ingilterra fejn tħarrġet ukoll bħala traduttur.

Il-Ġeneral Abdel Fattah al-Burhan li mexxa l-Kunsill Militari Transitorju wara li f’April li għadda tneħħa mill-poter il-President Omar al-Bashir, se jmexxi l-Kunsill Sovran għal 21 xahar. Warajh jinħatar mexxej ċivili nominat mill-oppożizzjoni li jkompli jmexxi għal 18-il xahar oħra.

Sehem l-insara fil-protesti

Id-deċiżjoni li mara Kopta tinħatar fil-Kunsill tat-Tmexxija tal-pajjiż tidher li saret minħabba r-rwol li l-insara kellhom fil-protesti li saru fil-pajjiż u li wasslu għal dan il-ftehim.

Fl-10 ta’ April li għadda, lejlet li kien arrestat l-ex President Bashir mill-militar, l-Assoċjazzjoni tal-Professjonisti tas-Sudan appellat lill-insara biex jieħdu sehem fil-protesti wara li għal ħafna snin kienu sofrew minn restrizzjonijit settarji u psikoloġiċi.

Ftit jiem wara, mexxejja tal-Knisja Protestanta bdew jidhru f’sit-in barra l-kwartieri militari u jħeġġu lill-insara u l-Musulmani biex ikantaw flimkien innijiet tal-knisja.

Persekuzzjoni tal-insara

Fi 30 sena taħt it-tmexxija ta’ Bashir, l-insara fis-Sudan ifaċċjaw persekuzzjoni ħarxa u trattament ħażin. Fil-fatt l-organiżazzjoni mhux governattiva “Open Doors” li hi bażata fl-Istati Uniti tikklassifika lis-Sudan fis-sitt fost l-aktar pajjiżi li hu diffiċli fejn tkun nisrani.

Wara li s-Sudan t’Isfel ħa l-Indipendenza fl-2011 u ngħaqdu miegħu ħafna mill-insara tal-pajjiż, il-President Bashir beda kampanja ħarxa kontra dawk l-insara li baqgħu f’pajjiżu.

Ħafna knejjes tal-insara inħarqu u oħrajn tkissru u twaqqgħu mill-Gvern għax qal li kienu “postijiet mhux liċenzjati”. Mill-2013 ma ngħata ebda permess biex tinbena xi knisja oħra.

Minn popolazzjoni ta’ 43 miljun persuna, l-insara fis-Sudan huma biss 4.6%.