Mara minn kull 10 vittma tal-vjolenza fuq l-internet – UE

L-Unjoni Ewropea stmat li mara minn kull għaxar nisa esperjenzat xi tip ta’ vjolenza fuq l-internet wara li għalqet 15-il sena. Dan jista’ jinkludi insegwiment fuq l-internet, messaġġi kontinwi ta’ theddid, u anke tixrid ta’ pornografija mingħajr il-kunsens tagħha.
Waqt konferenza f’Madrid, fi Spanja, li għaliha attenda Newsbook.com.mt, il-koordinaturi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) spjegaw li minn riċerka li wettqu riċentament sabu li waħda minn kull tliet nisa sfat vittma ta’ xi tip ta’ vjolenza fiżika f’ħajjitha. Sabet ukoll li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-vjolenza tkompli fuq l-internet.  
Skonthom, issa li l-aċċess għall-internet u l-midja soċjali qed jiżdied, anke fost it-tfal, miegħu qed tiżdied ukoll il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfajliet, permezz tal-mezzi soċjali li tant jużaw.
Fosthom, semmew l-apps Snapchat u Instagram, li jgħinu lill-aggressuri jsibu l-post preċiż fejn ikunu qegħdin il-vittmi tagħhom, meta dawn itellgħu ritratt fuq il-profili tal-midja soċjali tagħhom. 
Minkejja li anke rġiel jistgħu jkunu vittmi ta’ vjolenza fuq l-internet, ir-riċerka tagħhom uriet li l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa, u l-esperjenzi tan-nisa hija ħafna iktar trawmatika, hekk kif ħafna mill-vittmi nisa spiċċaw tilfu xogħolhom, bdew ibatu minn problemi mentali u ġew imċappsa b’reputazzjoni ħażina.