Filmat: Jinqatlu żewġ nisa; argument fil-Għargħur

Argument fil-Għargħur wassal għall-mewt ta’ żewġ nisa.

Mara ta’ 74 sena mill-Mosta nqatlet fuq il-post u l-oħra ta’ 71 sena mill-Għargħur mietet l-isptar Mater Dei wara argument f’residenza fil-Għargħur.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6.30am fi Triq Fidiel Zarb, b’raġel ta’ 42 sena mill-Għargħur allegatament aggredixxa lin-nisa b’arma bil-ponta. In-nisa nstabu feruti fil-washroom tar-residenza.

Rapporti fil-midja qed jgħidu li l-mara li nqatlet l-ewwel tiġi z-zija tal-aggressur u l-oħra hija ommu. Ir-raġel kien mimli bid-demm meta fetaħ il-bieb tad-dar lill-Pulizija. Dawn sabu lill-omm l-aggressur mixħuta mal-art f’għadira demm, u ttieħdet l-isptar Mater Dei fejn mietet ftit wara. Il-mara l-oħra ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.

Is-suspettat kien arrestat mill-Pulizija u qed jinżamm għal aktar stħarriġ. L-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.