Mara maqbuda l-Ingilterra; appell biex tilħaq tasal Malta sal-Milied

Mara esprimiet id-diżappunt tagħha peress li hi u ż-żewġ uliedha nqabdu l-Ingilterra u ma jistgħux isibu mezz kif jaslu Malta qabel il-Milied, minħabba li l-ajruport ta’ Gatwick ingħalaq ilbieraħ.

Minkejja li l-ajruport reġa’ lura għan-normal dalgħodu, il-mara qalet li qed issibha diffiċli biex issib titjira lura lejn Malta, minħabba li l-Easy Jet, il-linja tal-ajru li siefret magħha hi, joffru titjira lejn Malta fit-28 ta’ Diċembru, u l-unika titjira li hemm qabel il-Milied, dik tal-Air Malta, tiswa ‘l fuq minn elf lira Ingliża.

F’kitba li xerrdet fi grupp pubbliku fuq Facebook, il-mara sostniet li din is-sitwazzjoni mhix it-tort tagħha u li hi se jkollha tħallas għat-titjiriet il-ġodda u għal fejn se joqogħdu hi u wliedha sakemm jibqgħu l-Ingilterra. Easy Jet offritilhom li flushom jingħatawlhom lura, iżda fi żmien xahar.

Hija staqsiet jekk jistax jintervjeni l-Gvern Malti biex jgħin lilha u lil uliedha jaslu lura Malta qabel il-Milied.