Mara Maltija tfakkar lill-Papa Franġisku f’ommu

Mument mhux mistenni għall-koppja George u Carmen Farrugia, meta fl-okkażjoni tas-60 anniversarju miż-żwieġ tagħhom iltaqgħu mal-Papa Franġisku.
Skont il-midja internazzjonali, il-koppja Maltija-Kanadiża ltaqgħet mal-Papa fit-22 ta’ Ottubru ġewwa l-Vatikan.
Il-koppja qalet li l-Papa ħa b’id kulħadd, però b’sorpiża kbira dam magħhom għal madwar għaxar minuti.
L-omelija ta’ dakinhar ittrattat l-importanza li koppja tingħaqad flimkien u trabbi lil uliedha. F’dan il-waqt huma ħassew li kienu eżempju ta’ dan.
Mument partikolari li żgur se jibqgħu jġorru magħhom kien meta l-Papa bies lis-sinjura Farrugia fuq ġbinha, filwaqt li tennielha li tfakkru f’ommu.
Ma kinitx l-ewwel darba għalihom li ltaqgħu mal-Kap tal-Knisja Kattolika għax kellhom laqgħa wkoll mal-Papa Benedittu XVI fl-okkażjoni tal-50 sena anniversarju miż-żwieġ tagħhom.