Mara li qed tgħid li hi rebbieħa twaqqaf il-Maltco milli tqassam €820,000

Il-kumpanija Maltco ġiet temporanjament imwaqqfa milli tagħti €820,000 lill-Fond għall-Kawżi Ġusti. Mara li qed tgħid li hi r-rebbieħa tal-premju, infurmat lill-kumpanija li l-biljett rebbieħ huwa tagħha, iżda din tilfitu wara li ħarġet mill-isptar Mater Dei.

Il-mara kienet għamlet mandat ta’ inbizzjoni biex twaqqaf lill-kumpanija milli tgħaddi l-flus lill-Fond.

Il-Maltco kienet ħabbret li persuna bil-biljett rebbieħ tal-Quaterno u l-Jackpot li tela’ nhar it-18 ta’ Mejju u li kien nxtara mill-Qawra, kien għadu ma ġabarx il-premju. Ir-rebbieħa ntalbu jiġbru l-biljett sas-17 ta’ Lulju. F’każ li l-premju jibqa’ ma jinġabarax dan imur għall-Fond għall-Kawżi Ġusti.

AQRA: Maltco tfittex ir-rebbieħ ta’ €820,000

Il-mara qalet li ilha tilgħab l-istess numri għal dawn l-aħħar disa’ xhur u kienet tmur tixtri l-biljett tagħha minn ħanut il-Qawra. Jidher li l-biljett intrema flimkien ma’ biljetti antiki. L-avukat Carlos Bugeja li qed jidher għal mara kien qal li hi għandha l-evidenza li turi li kienet hi li xtrat il-biljett rebbieħ.

L-avukat f’isem il-mara kien għamel protest ġudizzjarju u rikors biex l-informazzjoni relatata max-xiri tal-biljett rebbieħ fuq is-sistema tal-Maltco tinġabar.

AQRA: Maltco: Ċans li titlef €820,000 minħabba intervent mediku; tiftaħ kawża

Huwa kien għamel mandat ta’ inbizzjoni kontra Maltco Lotteries biex jiġi assigurat li ma jsir xejn bil-flus sakemm il-kwistjoni tiġi riżolta quddiem il-Qorti.

Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili l-Prim Imħallef Joseph Azzopardi qal li jkun aħjar jekk għalissa l-Maltco ma tqassamx il-premju. Għaldaqstant il-flus ma jistgħu jmorru imkien.