Mara Kattolika nħatfet minn traffikanti umani f’Bangladesh

Teresa Sheuly Rozario, a 19 year old Catholic was abducted in Bangladesh

Il-komunità Kattolika f’Bangladesh hi mħassba ħafna wara li Teresa Sheuly Rozario, tfajla ta’ 19-il senainħatfet minn grupp ta’ traffikani umani ftit jiem ilu. Ħmistax il-ġurnata ilu, Ranjita Das u bintha ta’ tliet snin inħelsu wara li kienu nħatfu xi ġranet qabel.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrapurtat li Teresa Rozario sparixxiet fit-22 ta’ Marzu u sal-lum ħadd ma jaf x’sar minnha. Kemm Rozario kif ukoll Ranjita Das huma membri tal-Knisja Kattolika ta’ Bonpara f’Natore, fit-Tramuntana ta’ Bangladesh.

Teresa Rozarion li għad għandha 19-il sena kienet involuta attivament fil-ħidma tal-knisja lokali. Missierha qal lill-aġenzija FIDES li “It-tifla tagħna kienet sejra l-Knisja.  Hi kienet studenti intelliġenti u xtaqet issib impjieg tajjeb. Issa sparixxiet. Ħatfuha u aħna nkwetati ħafna għaliha.”

Inħatfet fi triqtha lejn il-knisja

Missier u omm Teresa qed ifittxu lil binthom kullimkien: “Il-mara qed tħossha ma tiflaħx.  Mhux qed tiekol, tibki l-ħin kollu u titlob ‘l Alla u l-Madonna għat-tifla tagħna”. Il-ġenituri għamlu rapport lill-pulizija li min-naħa tagħhom jemmnu li t-tfjla nħatfet minn grupp ta’ traffikanti tal-persuni.

Il-parroċċa qed titlob lill-pulizija biex tagħmel dak kollu possibbli biex issib lil Teresa. L-Ispettur tal-Pulizija ta’ Natore qal li huma kien qed ifittxu lil ċertu Hasan u traffikanti oħra u qed isostnu li hemm grupp ta’ traffikanti umani li qed jopera fl-inħawi.

Ix-xhieda ta’ Ranjita Das, il-mara ta’ 28 sena li keinet inħatfet flimkien ma bintha, tikkonferma s-suspett tal-pulizija.  Hi qalet li fil-5 ta’ Marzu meta kienet qed tittirona d-dar ma’ bintha ta’ tliet snin mill-iskola, żewġ nisa lebsin il-burka waqqfuha u qalulha li aktar kienet rebħet id-dritt għal dar tal-Gvern.  Dawn offrewlha xi ikel li kif kilithu ntilfet minn sensiha. Meta stenbħet,  sabet ruħha f’post li ma tafx, f’kamra msakkra kontrollata minn raġel Musulman, Arthur Rahman Hasan.

Fl-imgħoddi dan l-istess raġel kien imur fir-raħal u jgħid li kien membru tal-Gvern lokali u ried jgħin lill-familji fil-bżonn meta dan ma kien veru xejn. Dan Hasan kien qal li ried jiżżewweġ lil Ranjita, li min-naħa tagħha rrifjutatu.  Din il-mara nżammet priġuniera għal numru ta’ ġranet.

Jum minnhom Ranjita rnexxiela tagħmel telefonata lil oħtha fejn qaltilha li kienet inħatfet. Fis-27 ta’ Marzu, ħuha rnexxielha jsiba u jsalvaha u issa l-pulizija qed tfittex lil Hasan. Il-familja ta’ Ranjita qed titlob li dawn it-traffikanti jingħataw kastig eżemplari.

4,152 ħtif ta’ persuni f’sitt snin

Bangladesh hi waħda miż-żoni fl-Asja fejn il-fenomentu tat-traffikar tal-persuni hu qawwi ħafna. Skont l-aħħar ċifri, bejn Frar 2012 u Ġunju 2018 kien rappurtati 4,152 każ taż ħtif ta’ persuni, imma 25 persuna biss instabu ħatja ta’ dawn id-delitt.

Studju li sar mill-Pulizija tal-Fruntiera Indjana juri li madwar 50,000 tfajla mill-Bangladesh inħatfu u ttieħdu fl-Indja kull sena. Jidher li nisa mill-Bangladesh wara li nħatfu sabu ruħhom ukoll fil-Libja u fl-Iran li qed jinżammu bħala ostaġġi.