Mara gravi wara argument bejn 8 persuni fin-Naxxar

Malta Police Force

Mara ndarbet gravi wara li kienet involuta f’argument bejn tmien persuni fin-Naxxar. Dan qalitu l-Pulizija fi stqarrija kmieni dalgħodu.

Jidher li l-inċident seħħ f’kumpless tad-divertiment li jinsab fi Triq Tuli l-Kosta għall-ħabta tas-6pm ilbieraħ. L-Ispanjola ta’ 47 sena u residenti s-Swieqi, kienet involuta f’argument li kien jinvolvi wkoll raġel ta’ 30 sena residenti l-Ħamrun, mara ta’ 28 sena residenti l-Ħamrun, mara ta’ 35 sena residenti Ħal Tarxien, mara ta’ 25 sena residenti l-Marsa, mara ta’ 19-il sena residenti l-Marsa, ġuvni ta’ 16-il sena residenti l-Marsa u raġel ta’ 24 sena residenti l-Ħamrun.

Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.