Mara fil-periklu tal-mewt wara li darha f’Raħal Ġdid ħadet in-nar

Mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara li sofriet xi ħruq meta darha, f’Raħal Ġdid, ħadet in-nar.

Dan ġara fit-3.10am fi Triq Ninu Cremona.

Il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm xi nar f’residenza. Meta marru fuq il-post sabu li r-residenta ta’ din id-dar, mara ta’ 63 sena, sofriet xi ħruq f’ġisimha.

Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nar
filwaqt li ambulanza ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.

Infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr C. Farrugia fuq il-każ li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.