Mara fil-periklu tal-mewt wara ħabta f’Ħaż-Żebbuġ

Mara ta’ 32 sena spiċċat fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żebbuġ.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li ġiet infurmata bil-ħabta għal nofsinhar. Din ġrat fi Triq l-Imdina.

Jidher li kien hemm ħabta bejn karozza misjuqa minn raġel ta’ 49 sena residenti Ħaż-Żabbar u mutur misjuq minn raġel ta’ 40 sena mir-Rabat.

Il-mara ta’ 32 sena kienet passiġġiera fuq il-mutur. Hi toqgħod l-Imtarfa.

Iż-żewġ persuni li kienu fuq il-mutur ittieħdu l-isptar. Ir-raġel weġġa’ ħafif. Il-mara spiċċat fil-periklu li titlef ħajjitha.

Infetħet inkjesta maġisterjali dwar il-każ.