Aġġornata: Mara tissielet għal ħajjitha wara ħabta f’Għajnsielem; 9 feruti

Kevin Cauchi / Facebook

Read in English.

Mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’ħabta bejn żewġ karozzi f’Għajnsielem.

L-inċident ġara fi Triq l-Imġarr fis-1am.

Il-Latvjana ta’ 41 sena li toqgħod is-Swieqi kienet passiġġiera ma’ Norveġiż ta’ 43 sena li joqgħod Ta’ Kerċem. Hija kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ħelikopter minħabba l-ġrieħi serji li ġarrbet. Fil-karozza kien hemm ukoll Amerikan ta’ 47 sena li joqgħod ir-Rabat u Ġermaniż ta’ 51 sena li joqgħod ix-Xagħra. It-tliet irġiel qed isofru minn ġrieħi gravi.

Il-karozza l-oħra kienet misjuqa minn mara ta’ 36 sena min-Nadur. Rekbin magħha kien hemm Kanadiża ta’ 45 sena u tlett itfal bl-etajiet ta’ disa’ snin, 11-il sena u 14-il sena. Is-subien ta’ disa’ snin u 14-il sena għandhom ġrieħi gravi, filwaqt li ż-żewġ nisa u t-tifel ta’ 11-il sena għandhom ġrieħi ħfief.

Dawn kollha ttieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-Maġistrat Brigitte Sultana fetħet inkjesta fuq il-każ.