Mara fil-periklu tal-mewt u tfajla tweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku

Mara ta’ 41 sena imwielda l-Belarus iżda residenti l-Qala tinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li tfajla ta’ 22 sena residenti Birkirkara sofriet ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħamsa ta’ dalgħodu fi Triq Margaret A. Murray, in-Naxxar.
Jirriżulta li vettura misjuqa minn raġel ta’ 34 sena residenti r-Rabat u vettura misjuqa minn tfajla ta’ 22 sena residenti Birkirkara, li kienu qed jinstaqu f’direzzjonijiet opposti, ħabtu head on.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil mara u lit-tfajla l-isptar Mater Dei għall-kura medika.
Il-mara ta’ 41 sena li kienet passiġġiera fil-vettura misjuqa mit-tfajla tinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li t-tfajla ta’ 22 sena kienet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Ir-raġel ta’ 34 sena ma sofra l-ebda ġrieħi. 
Aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.