Mara fil-periklu tal-mewt; inċident bil-mutur fi Triq il-Kosta

Aġġornat 07:13 AM
CMRU

Mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Kosta, limiti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.

L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9pm.

Kelliem tal-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-Pulizija qed jassistu f’żewġ inċidenti tat-traffiku b’wieħed minnhom ikun dak ta’ Triq il-Kosta. L-inċident l-ieħor seħħ fi Triq Reġjonali qrib Skatepark fl-Imsida.

Jidher li l-mara kienet qed issuq mutur li kien involut f’ħabta ma’ vann. Bid-daqqa, jidher li l-mara tilfet il-kontroll tal-mutur u baqgħet dieħla fi crash barrier.

Il-mara għandha 30 sena u hi residenti l-Gżira, filwaqt li s-sewwieq tal-karozza kien Libjan ta’ 38 sena li joqgħod f’Tal-Pietà.

Il-mara ttieħdet b’urġenza lejn l-Isptar Mater Dei fejn ġiet ċertifikata li għandha ġrieħi serji.

It-triq fid-direzzjoni lejn San Ġiljan inżammet magħluqa għall-vetturi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech li ħatret inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.