Mara f’koma tintalab tmur taħdem mill-Gvern Ingliż

Il-Ministru għall-Persuni b'Diżabiltà fl-Ingilterra Mike Penning qal li nħarġet ittra ta' apoloġija lill-familja ta' mara li rċeviet ittra li fiha l-Gvern Ingliż qed iħeġġeġ lil din il-mara biex tmur taħdem. Din il-mara kienet ilha f'koma għal xaharejn.  
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, il-Ministru Ingliż qal li l-affarijiet ma marrux sewwa hekk kif din il-mara f'koma rċeviet ittra bħala parti minn skema "intensiva li tħeġġeġ lin-nies qiegħda jsibu impjieg".
Membri tal-Oppożizzjoni akkużaw lill-gvern li qed jiġri wara persuni b'diżabiltà sabiex dawn isibu xogħol. Il-mara hija Sheila Colt u l-każ tagħha tqajjem waqt dibatittu dwar ir-riforma soċjali għall-persuni morda u b'diżabiltà.
Il-mara kienet tbati minn każ qawwi ta' 'bipolar disorder' mindu kienet għadha tifla u għaddiet minn bosta esperjenzi trawmatiċi. Din il-mara ilha qiegħda mindu kellha 16-il sena, Madankollu intqal li qabel il-Milied, din il-mara kienet qed tiġi mbuttata sabiex tidħol fi Programm għax-Xogħol u kienet qiegħda ssibha diffiċli.
Jidher li l-membri tal-familja ta' din il-mara infurmaw diversi drabi lill-kumpanija li tqabbdet tagħmel dan ix-xogħol fost persuni qiegħda, iżda l-mara xorta baqgħet tiġi iffittata minn dawn l-organiżazzjonijiet.

Ħalli l-kumment tiegħek b'ismek u kunjook hawn taħt.