Mara evakwata mill-bastiment Alan Kurdi

Mara li kienet fuq il-bastiment Alan Kurdi ġiet evakwata. Din kellha bżonn attenzjoni medika urġenti.

Fi stqarrija, il-Forzi Armati ta’ Malta qalu li l-ħidma ta’ evakwazzjoni saret mill-bastiment tas-salvataġġ Melita 1.

Fi stqarrija l-għaqda Sea-Eye qalet li s-sitwazzjoni fuq l-Alan Kurdi saret “allarmanti”. Qalet li s’issa għaddew sitt ijiem minn meta ġew salvati l-64 persuna – inkluż 12 il-mara, persuna minorenni, u tarbija. Aktar minn 50 persuna għadhom mitlufin. Il-Manager tal-Ħidma Jan Ribbeck qal li l-persuni salvati ma jistgħux jistkennu mill-maltemp jew mill-ilma baħar. Spjega li 81 persuna ilhom jgħixu f’kamra magħmula għal 20 persuna mill-Ħadd filgħaxija. Ribbeck huwa wkoll tabib.

Sal-Ħadd ma kien hemm l-ebda żblokk għal kriżi diplomatika oħra bejn Malta u l-Italja hekk kif il-bastiment Alan Kurdi baqa’ jdur fl-istess żona ‘l barra mill-kosta Maltija. Id-destinazzjoni tal-vapur tal-għaqda mhux governattiva għadha mhix magħrufa wara li f’nofs il-ġimgħa salva 64 immigrant mill-baħar.

Mara mill-64 persuna salvati mill-NGO Sea-Eye u li bħalissa jinsabu fuq il-bastiment Alan Kurdi ‘l barra mill-Gżejjer Maltin kienet inbigħet, mġiegħla taħdem f’burdell u saħansitra ttorturata meta rrifjutat li tagħmel dan. Eventwalment kellha tixtri l-ħelsien tagħha.