Mara bla aċċess għall-kimoterapija minħabba l-coronavirus

REUTERS/Thomas Peter

Mara Ċiniża talbet fuq li talbet lill-Pulizija biex iħallu lil bintha, li hi marida bil-kanċer, biex tgħaddi għal belt oħra għax għandha bżonn tieħu t-trattament.

Bħalissa l-provinċja Hubei fiċ-Ċina tinsab magħluqa – ħadd mhu qed jitħalla jitlaq u ħadd mhu jitħalla joħroġ, waqt li l-awtoritajiet Ċiniżi qegħdin jippruvaw isibu modi kif jikkontrollaw it-tifrix tal-coronavirus.

Lu Yuejin ta’ 50 sena bdiet tittallab mal-Pulizija biex iħallu lil bintha Hu Ping, li għandha 26 sena, toħroġ minn Hubei, peress li għandha bżonn tieħu l-kimoterapija għat-tieni darba. Ma rnexxilhiex tikseb din il-kura f’Wuhan, peress li l-isptarijiet bħalissa qegħdin jaħdmu biex jeradikaw il-coronavirus.

Hu Ping trid tmur ġo sptar fi Jiujiang biex tikseb it-trattament. Ommha bdiet tgħid lill-Pulizija, imbikkma, “Jekk jogħġobkom, ħudu lil binti. M’hemmx għalfejn ngħaddi jien, imma ħallu lil binti tgħaddi.”

Eventwalment, il-Pulizija ġabu ambulanza għal Hu Ping u kemm hi u kemm ommha tħallew jgħaddu.

Il-virus s’issa qatel lil iżjed minn 300 persuna u ‘l fuq minn 14,000 persuna tinsab infettata bih. Dalgħodu ħarġet l-aħbar li mietet l-ewwel persuna bil-coronavirus barra miċ-Ċina, fil-Filippini.