Mara b’kunjom Malti taqta’ ras ommha f’darha fl-Awstralja

Mara b’kunjom Malti tressqet fil-Qorti Awstraljana akkużata li qatgħet ras ommha f’darha fl-Awstralja.

Ġurnali internazzjonali rraportaw id-dettalji tal-każ fejn spjegaw li Jessica Camilleri kienet ħabbtet il-bieb tal-ġirien tagħha miksija bid-demm wara li tard bil-lejl is-Sibt qatlet lil ommha.

Il-ġirien semgħu għajjat ftit tal-minuti qabel ma semgħu il-bieb iħabbat. Malli fetaħ il-bieb Camilleri li għandha 25 sena qaltlu li kienet għadha kemm qatlet lil ommha, Rita Camilleri ta’ 57 sena. Intant, ras Rita Camilleri kienet tinsab mal-art fil-passaġġ.

Skont il-Pulizija, l-omm u l-bint kienu ilhom jargumentaw għal xhur twal qabel ma seħħ il-qtil. Jidher li l-bint użat numru ta’ skieken waqt l-inċident li waħħax bosta mill-investigaturi.

Il-bint ġiet arrestata fuq il-post akkużata bil-qtil ta’ ommha. Aktar tard hi talbet għall-għajnuna medika għax ma setgħetx iċċaqlaq is-swaba. Intant, l-avukat ta’ Camilleri qal lill-Maġistrat li l-klijenta tiegħu ssofri minn problemi ta’ saħħa mentali severi.

Hi ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u mistennija tittieħed l-isptar għat-trattament mediku filwaqt li tgħaddi minn assessjar tas-saħħa mentali qabel ma tidher quddiem il-Qorti.