Mara b’erba’ sentenzi sospiżi allegatament tisraq raġel b’diżabbiltà; tinżamm arrestata

Qorti Newsbook Stock

Mara qiegħda tinżamm arrestata wara li hi ċaħdet li serqet u weġġgħet lil raġel li għandu diżabbiltà.

Il-Bormliża ta’ 25 sena tressqet il-qorti llum taħt l-akkużi ta’ serq aggravat, li kkawżat ġrieħi ħfief, li kellha arma fuqha, li attakkat u heddet lill-allegat vittma u li kisret il-kundizzjonijiet ta’ 4 sentenzi sospiżi.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, semgħet kif l-akkużata allegatament serqet lir-raġel nhar il-Ġimgħa l-Belt Valletta, u weġġgħetu fil-proċess. Hija ħarbet bil-kartiera tal-vittma li fiha kellu flus kontanti u karti tal-kreditu.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-pulizija għall-ewwel ma rnexxilhiex tittraċċa lill-akkużata, peress li din kienet biddlet l-indirizz. Iżda hi ntlemħet u ntgħarfet nhar l-Erbgħa u ġiet arrestata dakinhar.

Il-mara wieġbet mhux ħatja għall-akkużi u talbet għall-ħelsien mill-arrest, fuq il-bażi li kienet qed ikollha laqgħat regolari ma’ uffiċjal taż-żmien ta’ prova u li qiegħda tagħmel progress.

Il-Qorti rrifjutat din it-talba peress li l-vittma għadu jrid jixhed u minħabba l-karattru mhux affidabbli tal-akkużata.