Mara b’diżabbiltà tqatta’ sigħat tistenna biex iġġedded passaport

Identity Malta tiskuża ruħha

Frank Vincentz

Identity Malta ħarġet apoloġija wara li mara b’diżabbiltà li riedet iġġedded il-passaport sabet l-Uffiċċju tal-Passaporti mhux preparat u kellha tistenna fit-tul biex tieħu ritratt.

L-aġenzija ħadet passi biex is-sitwazzjoni ma tirrepetix ruħha u qalet li għandha ċċaqlaq l-operat tagħha lejn post aktar aċċessibbli fil-futur qarib.

Dak li għaddiet minnu l-mara, iżda, jixħet dawl fuq dak li jiffaċċjaw persuni b’diżabbiltà fil-ġurnata tagħhom, sitwazzjoni li trid tindirizza l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Newsbook.com.mt tkellem mas-CRPD għal kjarifika, kif ukoll mas-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza li huwa responsabbli għal Identity Malta.

Bagħtuha f’kamra mimlija trab

Il-mara kitbet fuq il-midja soċjali kif infurmat lill-ħaddiema fl-uffiċċju li hi ma tistax tuża t-taraġ, iżda ma kien hemm l-ebda receptionist, u wara ftit, xi impjegati ħaduha f’kamra li kienet tidher li kienet ilha ma tintuża xhur, billi kien hemm ħafna trab fiha.

Biex tgħaxxaq, l-apparat fotografiku ma bediex jaħdem. Tal-anqas, qalet il-mara, intbagħtet persuna biex tnaddaf il-kamra.

Madankollu, hija sostniet li jeħtieġ jieqaf jingħata servizz inferjuri lil persuni b’diżabbiltà.

Il-liġi tirrikjedi “akkommodazzjoni raġonevoli”

Għalissa, Identity Malta se tibqa’ tuża din il-kamra temporanja, qalet kelliema għas-Segretarjat lil Newsbook.com.mt, iżda ttieħdu passi immedjati u neċessarji biex din il-kamra tkun aktar adekwata u preżentabbli. Hija skużat ruħha f’isem Identity Malta.

Fl-ilment tagħha, il-mara osservat kif nies b’diżabbiltà m’għandhomx ikunu segregati u moqdija f’kamra differenti.

Kelliem għas-CRPD qal li jirrikonoxxi li dan l-arranġament mhuwiex favorevoli, iżda semma li l-liġi tippermetti li n-nies b’diżabbiltà jkollhom akkommodazzjoni raġonevoli.

L-Uffiċċju tal-Passaporti jinsab f’Evans Building, waħda mill-binjiet l-antiki tal-Gvern li ma ġewx iddisinjati bil-ħsieb tal-aċċessibbiltà. Mhuwiex vijabbli li l-binja tiġi trasformata sabiex tkun kompletament aċċessibbli. Għaldaqstant, skont is-CRPD, l-użu ta’ kamra separata jista’ jitqies aċċettabbli.

Madankollu, hemm pjanijiet sabiex l-Uffiċċju tal-Passaporti u r-Reġistru Pubbliku jimxu għal post aktar aċċessibbli fil-Marsa. Is-CRPD ilha żżomm kuntatt ma’ Identity Malta fuq din il-kwistjoni għal sena u nofs, u dalwaqt tagħmel spezzjoni tal-post il-ġdid għall-aħħar darba biex tara li kollox ikun skont l-istandards tal-aċċessibbiltà.

Dan billi parti mill-ħidma tas-CRPD huwa li tara li binjiet li jkollhom użu wiesa’ mis-soċjetà jkunu mħejjin u aċċessibbli għal kulħadd.

Is-sena li għaddiet, hija rat 2,548 applikazzjoni tal-ippjanar u oġġezzjonat għal 28% minnhom minħabba nuqqas ta’ aċċessibbiltà. Wettqet ukoll 156 spezzjoni fuq il-post.

U fis-settur privat?

Il-kelliema għas-CRPD intalbet tikkummeta fuq kif is-settur pubbliku jvarja mis-settur privat fir-rigward ta’ aċċessibbiltà, iżda din qalet li m’hemmx informazzjoni xjentifika biex tingħata tweġiba. Mill-informazzjoni disponibbli, iżda, jidher li hemm lok fejn iż-żewġ setturi jitjiebu f’hekk.

Bejn Ottubru tal-2017 u Settembru tal-2017, pereżempju, il-Kummissjoni rċeviet 34 rapport dwar in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà fir-rigward ta’ entitajiet pubbliċi, 45 rapport fuq kunsilli lokali, 19 fuq entitajiet privati u tnejn fuq entitajiet reliġjużi. Iżda l-Kummissjoni kkjarifikat li b’din l-informazzjoni ma tistax tikkumpara s-settur privat mas-settur pubbliku, peress li s-settur pubbliku jipprovdi ħafna aktar servizzi lill-pubbliku milli s-settur privat.