Mara arrestata wara allegat importazzjoni u traffikar tad-droga

CMRU

Read in English.

Mara ġiet arrestata mill-Pulizija wara li allegatament impurtat droga biex tiġi traffikata.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-mara, li hija Ġermaniża u għandha 26 sena, ġiet arrestata wara investigazzjonijiet mill-pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga flimkien mad-Dipartiment tad-Dwana.

Kien spjegat li l-investigazzjoniet bdew wara li fl-aħħar jiem id-Dipartiment tad-Dwana informa lill-pulizija ta’ Kontra d-Droga li kienu waslu żewġ pakketti li kien fihom erba’ vażetti tal-ħġieġ b’sustanza allegatament ħaxixa tal-kannabis. Il-pakketti kienu indirizzati lil mara Ġermaniża.

Abbażi ta’ dan, illum waranofsinhar il-Pulizija esegwit il-mandat t’arrest tal-mara. Hi ġiet arrestata f’appartament f’Tas-Sliema u minn tfittxija li saret, il-Pulizija sabet sitt vażetti oħra mimlija ukoll b’sustanza allegatament ħaxixa tal-kannabis, oġġetti relatati mal-użu tad-droga u madwar €8000 fi flus kontanti.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farruġia li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

Il-mara qed tinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana u mistennija titressaq il-Qorti b’arrest fil-jiem li ġejjin.