Mara aggredita u misruqa f’darha

Mara ta’ 53 sena sfat aggredita u misruqa meta raġel ta’ karnaġġjon skur daħal f’darha.

Il-każ seħħ fi Triq Abela f'Santa Venera għall-ħabta tas-6.30 filgħodu meta l-mara kienet qed tagħmel is-sodda u semgħet il-kelb jinbaħ.

Hawnhekk marret biex titimgħu iżda sfat aggredita mir-raġel li daħħalha fil-kamra tas-sodda u talabha l-flus.

Meta din qaltlu li ma kellhix, qattalha l-flok li kienet liebsa qabel ma qaleb il-gwardarobba u beda jiftaħ il-kxaxen.

Waqt li kien qed jagħmel dan, ir-raġel lemaħ portafoll u seraq madwar erba’ mitt ewro minnu qabel ħarab mill-bitħa ta’ wara, minn fejn kien daħal.

Il-mara sofriet minn xokk kbir.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin waqt li diversi esperti inħatru biex jassistu fl-inkjesta maġisterjali.