Mara aggredita b’sikkina waqt argument; bi ġrieħi gravi

Read in English.

Mara kienet aggredita b’sikkina waqt argument li kellha ma’ raġel ilbieraħ f’San Pawl il-Baħar, u spiċċat qed issofri minn ġrieħi gravi.

L-argument ġara għall-ħabta tal-5.30pm fi Triq il-Korp tal-Pijunieri, bejn il-mara ta’ 38 sena residenti Birkirkara u Libjan ta’ 38 sena wkoll li joqgħod San Pawl il-Baħar stess.

Kienet il-mara stess li infurmat lill-Pulizija. Hija waqqfet lil xi uffiċjali li kienu qegħdin jagħmlu ronda fl-inħawi. Kienet feruta u qaltilhom x’ġara.

Kelliema għall-Pulizija infurmat lil Newsbook.com.mt li r-raġel aggredieha b’oġġett jaqta’ u bil-ponta, u ħarab minn fuq il-post. Huwa nqabad aktar tard u qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija.

Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn irriżulta li għandha ġrieħi gravi.

Il-Maġistrat Doreen Clarke fetħet inkjesta fuq il-każ.