Mar għand il-Pulizija wara li pprova jqabbad id-dar matrimonjali

Raġel ta’ 52 sena ġie akkużat li ta n-nar lid-dar ta’ familtu u li kien reċidiv wara li hu stess informa lill-pulizija dwar dak li kien għadu kif għamel. Hu wieġeb ħati għal dawn l-akkużi.

Waqt is-smigħ tal-każ intqal li r-raġel ġab ruħu b’dan il-mod minħabba problemi fiż-żwieġ. F’mument passjonali, waqt li l-mara kienet barra maż-żewġt itfal tagħhom, hu ddeċieda li għandu jqabbad id-dar. Il-Qorti ordnat li isem ir-raġel m’għandux jiġi ppublikat biex tinżamm mistura l-identità tat-tfal.

Il-Qorti semgħet kif l-akkużat saq mid-dar lejn il-pompa tal-petrol tal-Għargħur, xtara €4 f’petrol li ammonta ftit aktar minn litru. Ir-raġel irritorna d-dar u qabbad il-lożor tal-kamra tas-sodda tiegħu u tal-mara, kif ukoll is-soddod tat-tfal.

Wara li rrealizza x’kien għamel, hu saq lejn l-eqreb għassa tal-pulizija u ħalla n-nar għaddej. Kif wasal hu spjega kollox dwar dak li kien għadu kif għamel. Hu qal lill-uffiċjali li kien inkwetat dwar il-ġirien li ma kienx jaf għadhomx id-dar jew kinux diġà marru lejn ix-xogħol.

Id-difiża argumentat li l-akkużat twewe meta xegħel in-nar, u rrealizza l-iżball li kien għamel. Huwa żied jgħid li l-klijent tiegħu kellu problema tax-xorb fil-passat iżda kien irnexxielu jegħlibha.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal erba’ snin għal martu u għal uliedha u kkundannat lir-raġel għal tliet snin u erba’ xhur ħabs.