Mar għall-għarusa fl-appartament tagħha u għamel ħerba; 14-il xahar ħabs

Arkivji

Raġel ta’ 34 sena mil-Libja ġie kkundannat 14-il xahar ħabs wara li nstab ħati li mar fil-blokka tal-appartament tat-tfajla f’Marsaxlokk u għamel ħsara lill-bieb ta’ barra tal-blokka tal-appartamenti kif ukoll il-bieb tal-appartament tat-tfajla tiegħu. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika, sar reċediv u kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu f’Mejju 2018. Ir-raġel kien akkużat li kkaġuna biżgħa lit-tfajla tiegħu madankollu t-tfajla qalet fil-Qorti li ma tixtieqx tkompli l-proċeduri fil-konftront tar-raġel.

Fil-Qorti xehdu l-koppja li għixu wkoll fl-appartament. Il-mara qalet li hija kienet fl-appartament tagħha u semgħet ħafna strobju. Spjegat li għal bidu ħasbet li kien daħal xi ħadd fil-komun biex jisraqhom iżda mbagħad indunat li kien sieħeb it-tfjala li toqgħod fuqhom. Il-mara spjegat li hija semgħet ħsejjes kbar u wara ftit rat lill-akkużat ħiereġ. Ir-raġel spjega li huwa kien ix-xogħol u ċemplitlu l-mara li kienet imwerwra. Huwa telaq minn xuq ix-xogħol u ċempel lill-pulizija. Spjega li l-mara u t-tifel li għandu 6 snin marru għand it-tabib minħabba t-trawma li għaddew minnha. Il-mara ngħatat xi pilloli biex jgħinuha minn din it-trawma filwaqt li t-tifel għadu jibża jmur minn kamra għall-oħra waħdu.

Fix-xhieda tagħha t-tfajla qalet li ma tixtieqx tkompli l-proċeduri kontra s-sieħeb tagħha imma ma tixtieqx li javviċinaha iktar. Il-qorti spjegat li ma tistax f’nifs wieħed tgħid li ma tridx tipproċedi u fl-istess ħin trid li l-imputat jiġi ordnat ma javviċinahiex. It-tfjala ddeċidiet li ma tixtieqx tkompli l-proċeduri kontrih, għalhekk il-Qorti kompliet il-proċeduri dwar l-akkużi l-oħrajn li kien qiegħed jiffaċċja r-raġel.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti sabet lir-raġel ħati li għamel ħsara fil-bieb ta’ barra tal-blokka tal-appartamenti kif ukoll il-bieb tal-appartament tat-tfajla tiegħu, li kiser il-paċi pubblika, sar reċediv u kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu. Huwa ġie kkundannat 14-il xahar ħabs. Il-qorti ordnat ukoll li l-ammont ta’ €30,800 stabbilit fil-ħelsien mill-arrest f’Mejju 2018 jiġu kkonfiskati favur il-Gvern Malti.