Mar biex jitkellem dwar l-anzjani imma spiċċa b’tesserat inqas

PN

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu f’moħħu li jiddiskuti l-anzjanità mal-Kap tal-għaqda Nanniet Malta Philip Michael Chircop però dan qallu li se jkollu jitlaq mill-PN.

Chircop qal dan lil Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Skont it-TVM, Chircop qal li r-raġuni ewlenija hi minħabba l-kariga li jokkupa bħala fundatur ta’ Nanniet Malta, imma wkoll għax hu mweġġa’ bil-firda interna li hemm fl-Oppożizzjoni.

Delia qallu li ħaseb li ltaqgħu biex jitkellmu dwar l-anzjani. Kompla jgħidlu li lest itih ċans jagħmel id-diskorsi quddiem il-midja u x’ħin ilesti kien se jitkellem hu.

Fi stqarrija, il-PN qal li Delia qal lil Chircop li l-anzjani huma għal qalb il-partit. Delia qal li l-anzjani jridu jingħataw l-għajnuna biex jgħixu ħajja diċenti.

Ħabbar li l-PN qed ifassal politika li tagħti l-anzjani u l-pensjonanti “l-importanza li jixirqilhom”. Delia kien akkumpanjat mid-Deputat tal-PN Ivan Bartolo.

L-istqarrija tal-PN m’għamlet l-ebda referenza għal dak li qal Chircop dwar l-anzjanità jew il-kanċellazzjoni tat-tessera tiegħu.