Maqtul mis-sieħba; staħa jgħid li vittma ta’ vjolenza domestika

Iben Barbara Lavelle, Paul, tħalla jiżvina sakemm miet wara li s-sieħba tiegħu tagħtu daqqa ġo wiċċu bi platt imkisser. Il-każ li seħħ fir-Renju Unit kien wieħed ta’ vjolenza domestika fuq raġel li kien jistħi jitkellem dwar l-abbuż li kien jgħaddi minnu.

Paul Lavelle, li kellu 50 sena qala’ daqqa ta’ platt imkisser f’imnieħru. Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel minflok ċempel fuq 999, ħalla messaġġ lil wieħed mill-klijenti tiegħu jgħid li l-post spiċċa mgħerreq bid-demm. Madanakollu, l-klijent ma laħaqx sema’ l-messaġġ li ħallielu Paul, missier ta’ tliet itfal, fil-ħin biex isalvalu ħajtu.

Is-sieħba ta’ Paul ngħatat sentenza ta’ seba’ snin u nofs ħabs wara li ammettiet bil-qtil tiegħu wara argument li kellha meta kienet fis-sakra f’Merseyside.

Omm u ħu Paul flimkien bdew Paul Lavelle Foundation li permezz tagħha qed jgħinu rġiel li jsofri minn abbuż u vjolenza domestika sabiex ma jispiċċawx jgħaddu mill-istess trawma li għadda minnha Paul. Sostnew li waħda mill-affarijiet li dejjem iżżomm lill-irġiel lura milli jitkellmu huwa l-fatt li qatt ma jkunu jridu jammettu li qed jiġu abbużati minn mara. Insistew li l-vjolenza domestika mhux neċessarjament li l-vittma tkun dejjem mara.