MAPFRE tagħti ċans lill-għaqdiet non-governattivi biex jibbenefikaw minn €30,000

Għaqdiet non-governattivi għandhom iċ-ċans li jibbenefikaw minn €30,000 f’fondi biex jimplimentaw proġetti ta’ żvilupp, li għandhom x’jaqsmu ma’ edukazzjoni, saħħa, nutrizzjoni u aċċess għad-dinja tax-xogħol.
Fundacion MAPFRE, għaqda non-governattiva mwaqqfa minn MAPFRE, għadha kif ħarġet sejħa għal proposti għall-proġetti ta’ żvilupp ġewwa l-Amerika Latina, l-Istati Uniti, il-Fillippini, Malta, it-Turkija u l-Portugall.
Entitajiet li huma interessati jitfgħu l-proposti tagħhom jistgħu jagħmlu dan sa Frar 2016.  Il-proposta titella’ online u l-membri tal-pubbliku jistgħu jivvutaw għall-aqwa ħames proġetti. Membri ta’ ġurija esperti eventwalment jagħżlu l-proġett rebbieħ.
Il-Programm Formando Comunidad ġie mwaqqaf bil-għan li jissapportja edukazzjoni  bl-inklużjoni ta’ tfal li jgħixu fil-faqar jew li huma esklużi mis-soċjetà.
Bħalissa hemm 107 proġett għaddejjin fi 23 pajjiż, li minnhom qed jibbenefikaw 100,500 tifel u tifla.
F’Malta din is-sena, l-għaqda Equal Partner Foundation ggwadanjat minn din il-Fondazzjoni. Transdiciplinary Early Intervention- a Head start huwa proġett bil-għan li jtejjeb il-kwalità ta’ tfal b’diżabilità li għandhom inqas minn 7 snin.  Il-Fondazzjoni taħdem ma’ dawn it-tfal biex taċċerta li ma jitilfux il-kuntatt mal-ambjent tagħhom u mal-bqija tas-soċjetà.