MAPFRE Middlesea tgħin lill-morda li jmorru Lourdes

Matul l-2020, MAPFRE Middlesea reġgħet ġeddet l-appoġġ tagħha lejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta (MASMOM), permezz ta’ għajnuna finanzjarja lill-pellegrinaġġ volontarju lejn Lourdes, għal nies morda u l-familji tagħhom.

Din l-organizzazzjoni tnediet bl-għan li tieħu ħsieb attivitajiet kemm reliġjużi, kif ukoll dawk ibbażati fl-isptar. Minn dakinhar, bdiet toffri servizzi lill-foqra, il-morda, ir-refuġjati u l-komunitajiet emarġinati. Barra minn hekk, MASMOM tieħu ħsieb l-anzjani, il-persuni b’diżabilità, il-persuni bla saqaf fuq rashom, ir-refuġjati, il-morda terminali, lebbrużi, tfal u dawk bi problemi ta’ droga. MASMOM topera f’aktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja.

Il-Pellegrinaġġ ta’ Lourdes huwa mistenni ħafna, qalb l-attivitajiet reliġjużi l-oħra, u jirrikjedi ħafna tħejjija fejn tidħol l-għażla tal-morda kif ukoll l-ippjanar għal din il-mawra lejn u minn Lourdes. MASMOM taħdem bl-għan li ttaffi l-piż ta’ mard u diżabbiltajiet prinċipalment fost iż-żgħażagħ.

“Bħala kumpanija, aħna kuntenti li qed noffru l-appoġġ tagħna lejn MASMOM matul din is-sena,” qal Felipe Navarro, President u Uffiċjal Kap ta’ MAPFRE Middlesea. “Ix-xogħol li qed isir mill-MASMOM fl-isforzi tagħhom biex ikun possibbli għal persuni morda u l-familji tagħhom li jattendu dan il-pellegrinaġġ huwa tassew ġest mill-isbaħ. Huwa tassew ammirabbli li minkejja ċ-ċirkostanzi li jinsabu fiha, dawn il-pazjenti tarahom jitbissmu, u għalhekk inħossuna onorati li nappoġġjaw din l-inizjattiva.