Manwela se terġa’ tixxandar

Ritratt: Rewind

Is-sensiela popolari Manwela ta’ Rewind Productions, li kienet ixxandret b’suċċess bejn l-2016 u l-2019, se tkun qed tixxandar kuljum, din id-darba kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-Tnejn 3 ta’ Awwissu fil-5.15pm fuq Melita More, Cable Channel 315.

B’kitba ta’ Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba la Rosa, l-istorja ta’ Manwela teħodna fuq vjaġġ mimli intriċċi u emozzjonijiet, fejn se naraw hekk kif jiġri ħafna drabi fil-ħajja, li l-affarijiet rarament ikunu hekk kif jidhru mal-ewwel daqqa ta’ għajn. Se nassistu u nsiru parti mill-ħajja ta’ ħames familji li mal-ewwel daqqa ta’ għajn huma indipendenti minn xulxin, imma li fir-realtá kull ħaġa li jagħmlu jew li jonqsu li jagħmlu, jħallu reperkussjonijiet fuq xulxin.

Il-ħajja lil Manwela ħaditilha ħafna affarijiet u ma’ kull daqqa li tatha bħalma jiġri, offritilha opportunitajiet li ma naqsitx li taħtaf. Hekk kif fl-għar mumenti ta’ ħajjitha laqqgħatha ma’ Paul Said Conti, raġel twajjeb li kien jgħix mas-seftura tiegħu Norma. Raġel li għalkemm il-ħajja ma kenitx ħanina miegħu, ma kien jitlef l-ebda opportunitá li jgħin u jkun hemm għal kull min kien ikollu bżonn. Gina min kienet, u kif tinkwadra? L-involviment tagħha fil-ħajja ta’ Manwela tgħid se tkun waħda pożittiva?

Ritratt: Rewind

Min hu Noah u x’rwol għandu, jew se jkollu fil-ħajja ta’ Manwela? Se niltaqgħu ukoll ma’ Claude… ġuvnott sinjur li jħobb jgħix ħajja ta’ lussu fil-kumpanija ta’ mara sabiħa, Simone. Ġuvnott li għalkemm mhux nieqes mill-flus mhux lest li jweġġa’ lil ta’ madwaru biex igawdi ħajtu kif jixtieq. X’rwol se jkollu f’dan il-vjaġġ mimli ferh u ħsibijiet? Mid-dehra dan se jkun vjaġġ li jitlob ħafna kuraġġ u determinazzjoni… Vjaġġ li wara kollox se jispira lil bosta li forsi bħal Manwela, jkunu ġarrbu u li jħossu li d-dinja tathom biż-żewg u nsiethom. Dan ir-rakkont għandu  jservi  li jekk jagħmlu bħal Manwela u jħarsu madwarhom u jaraw l-opportunitá, u ma jibżgħux jaħtfuha u jiggranfaw magħha, kapaċi jaslu huma wkoll għal ħajja aħjar.