Manuel Giovannelli huwa r-raġel li nstab mejjet fiċ-Ċirkewwa

Ritratt: Christoph Schwaiger

Il-Pulizija kkonfermat li Manuel Giovannelli, Taljan ta’ 42 sena ġie rrappurtat nieqes fil-5 ta’ Marzu, 2020, huwa r-raġel li nstab mejjet fil-baħar ilbieraħ fiċ-Ċirkewwa.

Tard il-Ġimgħa filgħaxija, għall-ħabta tal-10pm, ittella’ l-katavru tiegħu mill-baħar. Fuq il-post kien hemm diversi uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll patrol boat li ħadmu flimkien biex il-katavru ttella’ mill-baħar.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Marsanne Farruġia, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.