Manuel Delia jrid jinvestiga allegat tortura fil-ħabs; jiftaħ protest ġudizzjarju

Facebook - Manuel Delia

Read in English.

Il-blogger Manuel Delia fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-Gvern wara li ma ngħatax aċċess biex jirrapporta dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs u fiċ-ċentri tad-dentenzjoni. Qed jgħid li hemm allegazzjonijet ta’ tortura u imġieba illegali oħra dwarhom.

Delia fetaħ il-protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern, id-Direttur tal-Ħabs, il-Kap tas-Servizzi tad-Detenzjoni, u l-Kap Uffiċjal tal-Immigrazzjoni. Delia jmexxi s-sit Truth Be Told.

Delia talab biex bħala ġurnalist jingħata aċċess għall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u għaċ-ċentri ta’ detenzjoni. Dan biex ikun jista’ jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ imġieba skorretta u illegali, tortura, u trattament inuman kontra immigranti u priġunieri.

Fil-protest ġudizzjarju, li tiegħu Newsbook.com.mt ra kopja, Manuel Delia qal li fl-aħħar xhur kien hemm suwiċidji u mwiet ta’ priġunieri f’ċirkostanzi li “għadhom mhux ċari.” Qal ukoll li l-mezzi tal-komunikazzjoni allegaw li fil-ħabs intużaw u qed jintużaw strumenti ta’ tortura u intimidazzjoni li huma aktarx abbużivi u illegali.

Delia qal li talab għall-aċċess disa’ darbiet u baqa’ ma ngħatax permess jidħol. Fil-protest ġudizzjarju qed jallega li l-awtoritajiet qed jiksru d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni tiegħu.

Il-Ministru Farrugia mhux infurmat dwar x’jiġri fil-ħabs

L-eks Ministru għall-Intern Michael Farrugia kien qal fil-Parlament li ġie infurmat li ma tinżammx statistika ta’ każijiet ta’ vjolenza bejn priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Madanakollu dan mhux minnu għax Newsbook.com.mt għandu f’idu statistika uffiċjali.