Manuel Castagna r-raba’ persuna li ġiet arrestata – rapporti

Nexia BT Manuel Castagna
Ritratt fl-isfond: Miguela Xuereb

Read in English.

Rapporti qegħdin jindikaw li r-raba’ persuna li ġiet arrestata l-ġimgħa li għaddiet, flimkien ma’ Keith Schembri, Brian Tonna u Karl Cini, hija Manuel Castagna, ukoll partner fil-kumpanija Nexia BT.

Dan ġie żvelat mit-Times of Malta dalgħodu.

F’Nexia BT, Castagna hu responsabbli għall-awditjar u għar-riżorsi umani. Huwa ġie arrestat fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta tal-ġimgħa li għaddiet, meta ġew arrestati wkoll Brian Tonna u Karl Cini, iż-żewġ partners l-oħra f’Nexia BT, u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

L-erba’ persuni nħelsu bil-police bail it-Tlieta filgħaxija. F’kummenti lil Newsbook.com.mt, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li l-bail tista’ ddum tliet xhur, imma tista’ tiġi estiża jekk ikun hemm bżonn.

L-assi tal-erba’ rġiel ġew friżati b’ordni tal-Avukat Ġenerali nhar it-Tnejn li għadda peress li minn inkjesta li saret fuq allegat tixħim ta’ flus fil-bejgħ ta’ xi passaporti, kien hemm raġuni ta’ suspett. Il-lista tal-iffriżar tal-assi kienet waħda twila u estensiva ħafna, tant li anke inkludiet trabi mwildin din is-sena stess.

Il-kumpaniji ta’ Schembri u l-impjegati tiegħu ressqu żewġ rikorsi rispettivi l-qorti sabiex jiġu rilaxxati xi flus ta’ Schembri ħalli l-ħaddiema jkunu jistgħu jitħallsu l-paga dovuta lilhom.