Iridu manikini ikbar fil-ħwienet tar-Renju Unit

Il-Gvern Ingliż qed jappella lill-istabbilimenti tal-ħwejjeġ biex il-ħwejjeġ li jpoġġu fuq il-manikini jkunu jirriflettu l-figura tan-nisa tal-lum.

Skont il-Ministru tal-Ugwaljanza Jo Swinson fil-vetrini għandhom jitpoġġew manikini ta’ daqsijiet differenti.

Dan minħabba li fl-aħħar għaxar snin, il-qies medju tan-nisa Ingliżi tela’ minn 12 għal 16, iżda l-ħwienet għadhom ipoġġu l-ħwejjeġ fuq manikini ta’ qies 10.

Fid-dawl ta’ dan, stabbiliment ewlieni fi Triq Oxford f’Londra qed jipprepara li jpoġġi fil-vetrini manikini ta’ qies 16.

Il-Ministru Swinson qal li jixtieq li iktar ħwienet jieħdu l-eżempju ta’ dan l-istabbiliment, minħabba li aktar klijenti jridu jaraw mudelli li jirriflettu r-realtà.

Din il-mossa ntlaqgħet b’mod pożittiv minn dawk li jmexxu kampanji dwar ikel tajjeb għas-saħħa, li qalu li manikini b’qies żgħir iwasslu għal nuqqas ta’ kunfidenza f’nisa ta’ daqs ikbar għax iħossuhom ħażin li l-ħwejjeġ fuqhom ma joqogħdux tajbin daqs il-mudelli.