Manifestazzjoni għall-ġustizzja fl-14 ta’ Ottubru

Fl-14 t’Ottubru, se tiġi organizzata manifestazzjoni nazzjonali għall-verità u l-ġustizzja, u favur il-governanza tajba, f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tal-ġurnalista assassinata, Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija mibgħuta mill-NGO u mill-blogger u attivist Manuel Delia, huma elenkaw numru ta’ punti li jixhdu l-governanza ħażina f’Malta. Ewlieni fosthom kien il-punt li f’Ottubru tas-sena li għaddiet, Daphne Caruana Galizia nqatlet b’bomba u skonthom, uffiċjali għolja tal-Gvern esprimew is-sodisfazzjon tagħhom ta’ mewtha, filwaqt li l-investigazzjonijiet ma sarux b’serjetà. Fl-istqarrija, il-frażi “In-nies hi ġustament irrabjata” hija ripetuta.

Huma semmew ukoll dawn il-punti:

  • Il-permess li ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar lill-Grupp db sabiex jinbnew 2 torrijiet għoljin f’Pembroke, art li nbigħet mill-Gvern għal prezz baxx
  • Il-ħabi tal-flus li jintefqu mill-Gvern; huma semmew kemm iħallas il-Ministru Chris Cardona lill-konsulenti tiegħu, kemm jonfoq fuq xorb fil-kmamar tal-lukandi waqt li kien fuq xogħol governattiv, u anke dwar kif iddeverta meta kien imsiefer fuq xogħol tal-Gvern
  • In-nuqqas ta’ azzjoni li ttieħdet fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri
  • Il-bejgħ tal-passaporti lil “ħallelin imfittxija jew kastigati minn gvernijiet oħrajn”
  • In-nuqqas ta’ libertà tal-kelma

Il-manifestazzjoni se titlaq minn quddiem is-Suq tal-Belt Valletta. Il-kelliema waqt il-manifestazzjoni għadhom se jitħabbru.