Mandat t’arrest Ewropew iwassal għall-arrest ta’ Ġermaniż f’Malta

Read in English.

Mandat t’arrest Ewropew wassal sabiex raġel Ġermaniż ikun arrestat f’Malta.

Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija spjega li l-Pulizija Maltija mis-Central Intelligence & Analysis, flimkien mat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, arrestaw ċittadin Ġermaniż ta’ 45 sena, li kiem imfittex fuq reati ta’ frodi li wettaq fil-Ġermanja.

Dawn l-investigazzjonijiet mill-Pulizija Maltija wasslu biex ikun identifikat li l-Ġermaniż kien qed jgħix Malta. Wara jiem ta’ sorveljanza, fit-18 ta’ Lulju, ir-raġel kien arrestat minn appartament f’San Ġiljan, bil-Pulizija Maltija jesegwixxu Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-Awtoritajiet Ġudizzjarji tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Ilbieraħ, ir-raġel tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Rachel Montebello LL.D sabiex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn il-Ġermanja. Madankollu, hu ma tax il-kunsens tiegħu sabiex jiġi estradit lura lejn pajjiżu. Permezz tal-avukati difensuri, ir-raġel talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda dan kien miċħud mill-Qorti. Is-smiegħ dwar l-estradizzjoni mistenni jkompli fil-jiem li ġejjin.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Mark Galea, assistit minn Dr Meredith Ebejer mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.