Mandat tal-MUMN miċħud; l-UĦM se tkompli bin-negozjati

Read in English.

Il-Qorti ċaħdet mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-MUMN fejn kienet qed titlob li twaqqaf lill-Gvern milli jibda jew itemm negozjati ta’ ftehim settorali tal-Allied Health Professionals.

Il-mandat instema’ quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. L-Imħallef tenna li l-Qorti qed tiċħad it-talbiet tal-MUMN għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni.

Fi stqarrija, il-UĦM Voice of the Workers, qalet li b’mod immedjat, se tkun qed tissokta bin-negozjati tagħha għall-ftehim settorali tal-Allied Health Professionals.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti stqarret li permezz ta’ dan il-mandat kienu se jiġu affettwati ħażin “għadd kbir ta’ professonjisti…..li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din it-tilwima u li qed jistennew li jiġi konkluż il-ftehim settorali bit-tama li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jiġi regolat aħjar”.

Il-UĦM stqarret li din hija deċiżjoni li tikkonferma kemm l-union ħadmet b’mod professjonali skont il-liġijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet industrijali.