Mandat ta’ inibizzjoni mill-iskejjel tal-Knisja kontra l-UPE

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija llum għamel mandat ta’ inibizzjoni li ġie milqugħ proviżorjament fil-Qorti kontra d-direttivi tal-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE- Voice of the Workers) fl-iskejjel tal-Knisja.

Fi stqarrija, is-Segretarjat qal li ħa din l-azzjoni “għaliex il-UPE ma mxietx mal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil kif stabbilit fil-Ftehim Kollettiv”. Is-Segretarjat spjega li dawn il-proċeduri jistabilixxu li unjin l-ewwel tiddiskuti ma’ kap ta’ skola, u jekk il-każ ma jissolviex tiddiskuti mas-Segretarjat. Żied jgħid li kull meta din il-proċedura ġiet segwita, is-Segretarjat u l-iskejjel tal-Knisja solvew l-każijiet li tqajmu mill-unjin.

F’Settembru, il-UPE qalet li ordnat lill-membri tagħha li jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja biex isegwu numru ta’ direttivi minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol. 

Skont is-Segretarjat, d-Direttur tax-Xogħlijiet sejħet laqgħa konċiljatorja u ripetutament talbet lill-UPE biex b’sinjal ta’ rieda tajba tissospendi d-direttivi tagħha. Qal li l-UPE ma laqgħetx din it-talba. Fi kliem is-Segretarjat, il-laqgħa tal-lum ma wasslet għall-ebda konklużjoni.

Is-Segretarjat qal li l-UPE m’għandhiex il-maġġoranza tal-impjegati u li ma tistax toħroġ direttivi dwar kundizzjonijiet li ġew maqbula fil-ftehim kollettiv. “Il-UPE ma aċċettatx il-pożizzjoni tas-Segretarjat li kienet qed tiġi osservata mill-iskejjel u għal darb’oħra ħarġet direttivi ġodda lill-membri tagħha.”

“Aġir mhux etiku min-naħa tas-Segretarjat” – UPE

Il-UPE sostniet li l-mandat ta’ inibizzjoni huwa aġir mhux etiku min-naħa tas-Segretarjat tal-Knisja. Insistew li dan l-aġir ma jippromwovix djalogu soċjali san bejn iż-żewġ naħat u intant irrimarkaw li jinsabu ddizappuntati.