Mandat ta’ inibizzjoni biex jiġi salvat ir-Razzett l-Antik

Save-Fguras-oldest-building-1024x768

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura, ippreżenta mandat ta’ inibizzjoni biex il-Qorti tordna biex b’seħħ immedjat ma jsirx it-twaqqigħ tar-Razzett l-Antik li jinsab fi Triq Hompesch.

Il-Kunsill spjega li dan sar sakemm ikun hemm deċizjoni dwar talba għall-iskedar tal-istess razzett. Din it-talba ntlaqet proviżorjament mill-Qorti, li appuntat il-mandat għas-smiegħ aktar tard dan ix-xahar.

Fit-2 t’Ottubru, il-Kunsill Lokali tal-Fgura kien ressaq talba għall-iskedar ta’ dan ir-razzett, quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Din it-talba li hija msejjsa fuq rapport tekniku ieħor li kien ikkommissjonat mill-istess Kunsill Lokali, reġa’ kien spjegat u enfasiżżata l-importanza storika li din il-binja partikolari għandha għal-lokalitá tal-Fgura.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Fgura qal li għandu obbligu u responsabiltá bil-liġi li tirregola l-istess Kunsilli Lokali f’pajjiżna, sabiex jipproteġi b’kull mod possibli l-identitá tal-lokalitá, filwaqt li jieħu kull forma ta’ inizjattiva neċċessarja u meħtieġa sabiex jassigura li jissalvagwarja l-wirt storiku u kulturali tal-Fgura.

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura, qal li filwaqt se jkompli  jsegwi l-iżviluppi kollha marbuta ma’ dan il-mandat ta’ inibizzjoni, se jkompli jiddiskuti u jseplora kull mezz possibli biex dan il-patrimonju jiġi salvat.