Mandat ta’ arrest internazzjonali għall-imħuħ wara l-kumpanija tal-Panama Papers

Valenciano

Prosekuturi fil-Ġermanja ħarġu mandat ta’ arrest internazzjonali għall-kofundaturi ta’ kumpanija legali bbażata fil-Panama li kienet il-moħħ wara l-iskandlu ta’ evażjoni fiskali li kien espost fil-Panama Papers.

Jürgen Mossack, imwieled il-Ġermanja, u Ramon Fonseca huma mfittxija mill-awtoritajiet f’Kolonja fuq akkużi ta’ evażjoni fiskali u l-iffurmar ta’ organizzazzjoni kriminali. Dan kien rappurtat ilbieraħ mix-xandara pubbliċi Ġermaniżi NDR u WDR, kif ukoll mill-gazzetta Süddeutsche Zeitung (SZ).

Il-prosekuturi ta’ Kolonja kkonfermaw li ħarġu l-mandat ta’ arrest internazzjonali għal dawn iż-żewġ persuni iżda rrifjutaw li jagħtu aktar tagħrif.

Kemm Mossack kif ukoll Fonseca għandhom ċittadinanza Panamjana, skont NDR. Il-Panama ma taċċettax l-estradizzjoni ta’ ċittadini tagħha u allura mhux ċar jekk xi ħadd minnhom qattx jittieħed għall-Ġermanja biex jiġi interrogat.

Id-dokumenti, li kienu ġew żvelati inizjalment minn SZ u mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) kellhom riperkussjonijiet qawwija. Bosta mexxejja ta’ pajjiżi rriżenjaw wara r-rivelazzjonijiet filwaqt li oħrajn spiċċaw taħt skrutinju qawwi.