Mandat ta’ arrest għall-qattiel ta’ qaddis

L-Arċisqof Oscar Romero ta' San Salvador (1977 - 1980) kien assassinat fl-24 ta' Marzu 1980

Imħallef f’El Salvador ħareġ mandat ta’ arrest kontra eks kaptan militari li hu suspettat li fl-1980 qatel lill-Arċisqof Romero, illum qaddis, waqt li kien qed jiċċelebra quddiesa.

L-Arċisqof Oscar Romero ta’ San Salvador li kien kanonizzat fl-14 ta’ Ottubru li għadda mill-Papa Franġisku, kien jopponi l-oppressjoni  u l-vjolenza kontra l-poplu mill-Gvern ta’ El Salvador bl-aktar mod apert, kemm f’pajjiżu kif ukoll internazzjonalment.

Hu maħsub li Romero nqatel minn skwadra tal-mewt tal-lemin estrem fi żmien il-gwerra ċivili li kienet qasmet lil dan il-pajjiż żgħir fl-Amerika Latina bejn l-1980 u l-1992.

L-Imħallef Rigoberto Chicas fit-23 tax-xahar li għadda ħareġ mandat internazzjonali għall-arrest ta’ Alvaro Rafael Saravia, suldat li kien tkeċċa mill-armata fl-1993.

Saravia kien jagħmel parti minn waħda mill-iskwadri tal-mewt tal-lemin estrem li kienu jiġġieldu lir-ribelli xellugin u li qatlu eluf ta’ persuni.  Hu għadu maħrub u qed jinħeba. Din mhux l-ewwel darba li nħareġ mandat ta’ arrest għal dan ir-raġel.

Fl-1987 kien arrestat iżda l-proċeduri legali kontrih ma tawx frott minħabba amnestija li kienet ngħatat fuq akkużi ta’ ksur tad-drittijiet umani mwettqa minn membri tal-militar waqt il-gwerra ċivili.

Madankollu, fl-2016 dik l-amnestija tneħħiet mill-Qorti Suprema tal-pajjiż u allura l-każ tal-qtil tal-Arċisqof Romero reġa’ nfetaħ.

Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda kienet investigat id-delitti mwettqa fil-gwerra ċivili f’El Salvador bejn l-1980 u l-1992.  Dak il-kunflitt kien ħalla 75,000 persuna mejta u aktar minn 7,000 persuna oħra sparixxew.

Fl-1993 dik l-istess Kummissjoni stabbiliet li l-Arċisqof Romero kien ġie assassinat mill-iskwadri tal-mewt fuq ordni ta’ Roberto d’Aubuisson, Maġġur fl-armata tal-pajjiż li kien waqqaf il-partit nazzjonalista ARENA. D’Aubuisson miet fl-1992 u qatt ma kien proċessat.

“Jekk joqtlu lili, nirxoxta fil-poplu tiegħi”, kien qal l-Arċisqof Romero. Il-Papa Franġisku kien iddikjarah Beatu fl-2015 u x-xahar li għadda ddikjarah Qaddis.

Romero, bid-difiża tiegħu tal-bdiewa u bis-sejħa biex il-militar jieqaf jispara u joqtol lin-nies, kien ġibed ir-rabja u l-istemerrija ta’ ħafna mill-konservattivi f’pajjiżu.  Fl-omeliji tiegħu spiss kien jikkundanna r-ripressjoni u l-faqar.

Ftit wara li kien assassinat, ħafna kienu bdew jirreferu għalih bħala martri iżda l-kawża tiegħu għall-qdusija kienet waqfet għal bosta snin minħabba polemika dwar jekk inqatilx minħabba l-fidi tiegħu jew minħabba l-politika tiegħu.

Fi Frar, 2010, il-Parlament ta’ El Salvador għaddew liġi biex il-jum tal-24 ta’ Marzu jkun imfakkar bħala “Jum l-Arċisqof Oscar Romero”.