Manchester United mhux interessati li jbiegħu lil Martial

F’intervista fuq l-istazzjon tar-radju Franċiż RMC, l-aġent ta’ Anthony Martial, Philippe Lamboley, stqarr li l-attakkant Franċiż jixtieq jitlaq minn Old Trafford.

Id-diskussjonijiet dwar kuntratt ġdid waqfu u jidher li Martial mhux kuntent bis-sitwazzjoni attwali tiegħu ma’ Manchester United. Il-plejer ta’ 22 sena lagħab biss tmien logħbiet mill-ewwel minuta minn meta bdiet is-sena u ġie kkritikat minn Jose Mourinho ħabba n-nuqqas t’impenn tiegħu.

Tottenham Hotspurs u Juventus jinsabu interessati fl-eks plejer ta’ Monaco iżda Manchester United, li għadhom kemm akkwistaw lid-difensur ta’ Porto Diogo Dalot u l-midfielder Fred mingħand Shakhtar Donetsk, iridu jżommu liż-żagħżugħ Franċiż.