Manchester: Omm u tlett itfal imutu wara li jinqabdu f’nirien f’residenza

Mara u tlett itfal mietu wara li nqabdu f’darhom kawża ta’ nirien li ħakmu r-residenza.
L-inċident seħħ fil-belt ta’ Bolton f’Manchester fejn żviluppa nar f’residenza ta’ familja għall-ħabta tad-9am.
Il-pumpiera u s-servizzi tal-emerġenza marru fuq il-post biex jikkontrollaw in-nirien li ħakmu r-residenza.
Għalkemm huma rnexxielhom joħorġu lil dawk kollha li kienu ġewwa, wieħed mit-tfal kien iċċertifikat mejjet fuq il-post, filwaqt li l-omm u ż-żewġt itfal l-oħra mietu ftit wara l-isptar.
Skont il-midja internazzjonali t-tfal kollha kellhom inqas minn 13-il sena.
Raġel li kien ġewwa magħhom fil-ħin tal-inċident irnexxielu joħroġ u jinsab f’qagħda stabbli.
L-awtoritajiet qed jinvestigaw x'seta' kkawża n-nar, għalkemm mill-investigazzjonijiet inizjali jidher li l-kaġun ma kienx wieħed suspettuż.