Madwar €2 miljun miġbura fil-11-il sena ta’ Oħloq Tbissima

Fil-ħdax-il sena li ilha ssir il-maratona Oħloq Tbissima, inġabru madwar €2 miljun.
Il-maratona ta’ 60 siegħa xandir bla waqfien li se tibda nhar il-Ġimgħa li ġej u se tkun it-12-il waħda.
Il-flus miġbura se jmorru kollha għall-missjoni li s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għandha fil-Peru’, il-Pakistan u l-Filippini.
Marthese Brincat, waħda mill-organizzaturi ta’ din il-maratona, qalet li din is-sena, uħud mill-fondi miġbura se jkunu qed imorru għal żewġ proġetti partikolari fil-Filippini.
Hija spjegat kif f’Batann, villaġġ li fih hemm missjunarju tal-MSSP, se jkunu qed jinxtraw pompi għall-familji biex ikunu jistgħu jkollhom aċċess għall-ilma nadif.
Hemm il-ħsieb ukoll biex jinxtraw magni tal-ħjata għan-nisa li jgħixu fil-villaġġ.
L-MSSP għandha ħidma attiva ukoll f’Malta, f’Dar San Ġużepp, Santa Venera. Il-flus li se jkunu allokati għal din id-dar, se jkunu qed jintużaw biex titranġa parti minn din id-dar li fiha jgħixu t-tfal.
Qabel din l-istess maratona, is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl ħejjiet ukoll żewġ kontejners għall-missjoni fil-Peru’.
Dawn se jkunu qed jakkumpanjaw il-grupp ta’ voluntiera li se jitilgħu jaħdmu mal-foqra f’Arequipa.
Din is-sena, il-kanzunetta tal-ftuħ tħejjiet mill-Big Band Brothers.
Matul il-maratona se jkunu qed jagħmlu żjarat bosta persuni prominenti, fosthom il-President ta’ Malta, il-Presidenti Emeriti, l-Arċisqof, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Maratona tibda nhar il-Ġimgħa li ġej u tintemm il-Ħadd filgħaxija.