Mamo għandha tibda billi tressaq il-Qorti lil Schembri u Mizzi – Fondazzjoni Daphne

Read in English.

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia laqgħet id-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid Angelo Gafà li Alexandra Mamo tieħu post Ian Abdilla sabiex tmexxi t-Taqsima tar-Reati Kriminali Ekonomiċi. Il-Fondazzjoni qalet li Mamo għandha tibda l-ħidma tagħha billi tressaq il-Qorti lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, fost l-oħrajn.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ, il-Fondazzjoni qalet li t-tmexxija ta’ din it-taqsima taħt Ian Abdilla se tibqa’ mfakkra għall-inkompetenza u n-nuqqas ta’ inizjattiva tagħha, peress li l-uffiċjali kienu għamja f’każijiet ta’ nies involuti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ilbieraħ inħatar uffiċjalment Angelo Gafà bħala l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid wara li Lawrence Cutajar irreżenja f’Jannar li għadda. Il-ġimgħa li għaddiet bdiet investigazzjoni kriminali fuq l-aġir ta’ Cutajar, peress li hu suspettat li għadda informazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-assassinju. L-ewwel deċiżjoni mħabbra mill-Kummissarju hija li Alexandra Mamo, li kienet waħda mill-kandidati għal Kummissarju, se tieħu post Ian Abdilla fit-tmexxija tat-Taqsima tar-Reati Kriminali Ekonomiċi.

Il-Fondazzjoni qalet li f’Mamo tara tama għal era ġdida fil-ġlieda kontra r-reati kriminali finanzjarji. Għandha tibda, skont il-Fondazzjoni, billi tinvestiga l-kompliċità potenzjali bejn l-eks kollegi tagħha, inklużi Silvio Valletta u Ray Aquilina. Apparti dan, jeħtieġ li tinvestiga u tressaq il-Qorti lil Keith Schembri, Konrad Mizzi, Yorgen Fenech u Turab Musayev, sostniet il-Fondazzjoni fl-istqarrija.

Issoktat tgħid li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jkun proattiv billi lil Mamo jagħtiha r-riżorsi kollha meħtieġa biex twettaq xogħolha kif jixraq, u għandu jiżgura li ma jkunx hemm interferenza mill-Gvern fix-xogħol polizjesk. Il-Fondazzjoni kompliet tisħaq fuq investigazzjoni konġunta flimkien mal-Europol.

F’Marzu li għadda, kien hemm appelli għat-tkeċċija ta’ Abdilla mill-Partit Nazzjonalista u mill-għaqda Repubblika, wara li Abdilla xehed fil-qorti li huwa kien iltaqa’ darbtejn maċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri wara l-każ tal-Egrant.