Il-MAM tissospendi l-azzjonijiet industrijali ta’ nhar it-Tlieta

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija ħabbret li se twaqqaf l-azzjonijiet industrijali mad-dipartiment tas-saħħa li kienu se jsir nhar it-Tlieta li ġej.
Id-deċiżjoni ttieħdet wara li fis-sigħat li għaddew komplew id-diskussjonijiet bejn uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa, il-PACBU u l-MAM.
Fi stqarrija konġunta, is-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa u l-MAM qalu li kien hemm progress fin-negozjati u għalhekk b’mod immedjat ġew sospiżi l-azzjonijiet industrijali.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne u l-President tal-MAM, Martin Balzan, esprimew is-sodisfazzjoni tagħhom li d-diskussjonijiet waslu biex jiġu solvuti d-diffikultajiet eżistenti.
Jumejn ilu l-MAM daħlet f’azzjoni industrijali minħabba l-ftehim kollettiv. Fost l-azzjonijiet kien se jkun hemm stajk ta’ siegħa mit-tobba fis-settur kollu tas-saħħa.