Maltin se jkunu jistgħu jbiegħu permezz ta’ Amazon

Individwi u kumpaniji Maltin jistgħu jibdew ibiegħu l-prodotti tagħhom fuq siti elettroniċi tal-Amazon.
L-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni ħabbret dan hekk kif speċifikat li dan l-iżvilupp seħħ wara diversi diskussjonijiet ma’ Amazon.
Spjegat li min ibiegħ permezz ta’ Amazon igawdi minn diversi vantaġġi, fosthom li jingħaqad ma’ netwerk ta’ iktar minn 2 miljun bejjiegħ li jiġġeneraw biljuni ta’ ewro fi dħul fis-sena u aċċess għal suq f’189 pajjiż.
Fl-istess ħin, igawdu minn sigurtà u proċeduri kontra l-frodi.
Amazon.com infetħet fuq l-internet f’Lulju tal-1995.
Skont kelliem għall-awtorità Maltija, dan kien pass importanti identifikat fl-istrateġija Nazzjonali għall-Kummerċ Onlajn, li saret fl-2014. 
Reazzjoni mill-MEP Roberta Metsola:
L-Ewroparlamentari Maltija Roberta Metsola qalet li din hi aħbar eċċellenti għal kumpaniji u negozji żgħar Maltin li kienu qed jiffaċċjaw żvantaġġ inġust. 
Qalet li bħala MEP għamlet mistoqsijiet dwar dan u tilqa' l-fatt li l-MCA rnexxielha tirranġa s-sitwazzjoni.