“Maltin qed jgħixu f’infern fid-dinja: f’garaxxijiet taħt l-art u fil-karrozzi”

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li hawn Maltin li qed jgħixu f’infern fid-dinja, f’garaxxijiet taħt l-art u fil-karrozzi. 
Bartolo qal dan fid-dibattitu fil-Parlament meta kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Awtorità tad-Djar.
Bartolo qal li matul din is-sena "qed nibqgħu naraw nies li jmorru jikru f’żoni li ma jħossuhomx komdi fihom, f’kundizzjonijiet li ma jixirqu lil ħadd". Semma wkoll kif oħrajn qed jaqsmu d-dar tagħhom ma' nies li ma jafuhomx biex jaqsmu l-kera bejniethom minħabba dħul baxx.
Huwa qal li hemm min jaqla' €700 fix-xahar u €600 minnhom imorru għall-kera. Hemm min hu ġenitur tat-tfal bl-awtiżmu li jrid ċertu attenzjoni u l-omm ikollha toħroġ taħdem. 
Hu saħaq li hemm bżonn li ma dawn in-nies ma jitpoġġux aktar pressjoni fuq dawn in-nies.
Bartolo qal li fis-snin 70 sar daħal il-kunċett ta` social housing u sar ħafna ġid imma daħlet il-kultura li tistenna l-gvern tiegħek biex jipprovdilek saqaf taħt rasek. 
"Bl-ekonomija tajba għandha tonqos it-talba għall-akkomodazzjoni soċjali" – Claudio Grech
Min-naħa tiegħu Claudio Grech qal li b`din ir-rata tal-ekonomija, suppost li qed tonqos it-talba għall-akkomodazzjoni soċjali. Jeħtieġ li jkun hemm bidla fil-ħsieb ta’ ħafna nies u l-aspirazzjonijiet m`għandix tkun l-akkomodazzjoni soċjali. Huwa qal li s-soluzzjoni hi kif il-pajjiż jista’ jiċċaqlaq minn proġetti individwali għal strateġija dwar id-djar.
Id-deputat Stephen Spiteri qal li mhux aċċettabbli li jkun hawn 3,500 applikant għall-akkomodazzjoni soċjali. Hemm numru minn dawn l-applikazzjonijiet iridu jkunu indirizzati b’mod immedjat.