Maltin josservaw 19-il elezzjoni f’pajjiżi terzi

Malta ipparteċipat fi 19-il missjoni ta’ osservanza elettorali f’pajjiżi terzi bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015. B’kollox kien hemm 31 osservatur li ħadu sehem f’dawn il-missjonijiet.
Dan joħroġ minn statistika mogħtija fil-Parlament fil-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Silvio Schembri.
Nofs il-missjonijiet saru fl-2013.
Missjoni waħda kienet f’pajjiż Ewropew: il-Kosovo. Żewġ missjonijiet kienu f’pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq: l-Eġittu u t-Tuneżija.
Kien hemm ukoll żewġ missjonijiet fl-Amerika Latina, disa’ missjonijiet f’pajjiżi Afrikani fin-nofsinhar tas-Saħħara fosthom tnejn fil-Mali, u tlieta fl-Asja.